L-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin qed iħejju serata kommemorattiva f’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Ġużè Chetcuti, li mhux biss jibqa’ magħruf għall-proża realistika tiegħu li fiha juri l-konsegwenzi tal-faqar fuq il-bniedem imma wkoll bħala poeta mill-aqwa mnebbaħ mill-valuri tal-ġustizzja soċjali u tal-karità Nisranija.Chetcuti ħadem spalla ma’ spalla ma’ Dun Karm, Ġużè Aquilina, Ġużè Bonnici u Anton Buttigieg, fost oħrajn, u ta s-sehem tiegħu fl-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti billi serva bħala Segretarju tal-Għaqda (illum l-Akkademja tal-Malti) meta Dun Karm, il-poeta nazzjonali u, warajh, il-Professur Ġużè Galea, kienu Presidenti. Huwa ħadem fil-bord editorjali tar-rivista letterarja Il-Malti u ta l-għajnuna tiegħu għal snin twal fil-pubblikazzjoni tar-rivista letterarja Leħen il-Malti maħruġa mill-Għaqda tal-Malti (Università). Kien ukoll Viċi-President (1990-1992), President Onorarju (1998-1999), u President tas-sotto-kumitat f’kwistjonijiet ta’ ortografija. Kien ukoll membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, membru fil-kunsill u Segretarju tal-Malta Drama League u fundatur tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti (1939) flimkien mat-tabib Ġużè Bonnici u Anton Buttigieg.
Is-serata se tkun imżewqa bil-proża u bil-poeżija ta’ Ġużè Chetcuti bis-sehem tal-kantawtur magħruf Walter Micallef. Monsinjur Victor Grech, qarib ta’ Chetcuti, se jkun il-mistieden speċjali tagħna.
Is-serata se ssir fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, il-Mosta nhar l-1 ta’ Awwissu 2014 fis-6.30pm. Billi l-postijiet huma limitati, ġentilment nitolbuk tavżana biex nirriservawlek il-post/ijiet li tixtieq sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju, 2014.
Dan tista’ tagħmlu billi tħalli messaġġ (sms) man-numru 79864550 jew b’ittra elettronika: sammutsalv2@gmail.com u tinsiex tħalli ismek u kemm tixtieq tirriserva postijiet.
Fi tmiem is-serata mużiko-letterarja se jkun hemm bibita ċkejkna.
Salv Sammut
SEGRETARJU
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment