Pages

Thursday, February 21, 2013

Serata f’ġieħ il-Professur Oliver Friġġieri


Nhar it-Tlieta 19 ta’ Frar kienet erba’ għaqdiet tal-Letteratura Maltija ... L-Għaqda Poeti Maltin, Poeżija Plus, Writers’ Club u l-Koperattiva Kulturali tal-Universita’ organizzaw serata f’ġieħ il-Professur Oliver Friġġieri. Għal din is-serata ġew mistiedna il-President ta’ Malta Dr. Gorġ Abela, il-Professur innifsu Oliver Friġġieri u l-membri tal-għaqdiet imsemmija.
Il-lejla, li saret Palazzo de La Salle, Soċjeta’ tal-Arti, Manifattura u Kummerċ il-Belt, bdiet b’merħba lil-President ta’ Malta fejn tkanta l-Innu Malti.
Kit Azzopardi (Writers’ Club) ta’ merħba lil-Professur Friġġieri, lil-President ta’ Malta u lil-mistednin kollha preżenti u għamel introduzzjoni ta’ dak li kien se jsir.  Inqraw diversi xogħlijiet ta’ dan il-kittieb mil atturi Mario Micallef, Therese Gauċi u Vanni Riolo. Il-poeżija u l-mużika huma taħlita sabiħa ta’ espressjonijiet li joħorġu mill-qalb kif urina tajjeb il-kantant u kompożitur Vince Fabri (Poeżija Plus). Huwa għażel poeżiji ta’ Oliver Friġġieri u żejjinhom b’melodija mil-isbaħ.
L-erba’ għaqdiet kollha taw is-sehem tagħhom f’din is-serata u dan kien is-sabiħ ta’ din l-attivita’ fejn dawn ingħaqdu kollha għal istess għan ... dak biex jagħtu ġieħ lil dan il-kittieb Malti.
Il-Professur ingħata tifkira mil-għaqdiet ikkonċernati u din ġiet ippreżentata lilu mil-President ta’ Malta Dr. Ġorġ Abela.  Wara l-preżentazzjoni, il-Professur Friġġieri għamel diskors fejn fost affarijiet oħra qal illi jħossu emozzjonat għall-aħħar għax qatt ma stenna lejla organizzata b’dak il-mod.
 Is-Sur Charles Magro, president tal-Għaqda Poeti Maltin għamel id-diskors tal-għeluq u Kit Azzopardi irringrazzja lil-dawk kollha li taw sehemhom biex din is-serata kienet ta’ suċċess. Miriam Ellul (Għaqda Poeti Maltin) ippreżentat din is-serata.

No comments:

Post a Comment