Saturday, February 23, 2013
Qari ta' poeżiji s-Sibt filgħodu
Għat-tielet darba, l-Għaqda Poeti Maltin se terġa' żżomm l-appuntament tagħha għal qari ta' poeżiji kemm mill-imsieħba tagħha u kemm minn dawk mhumiex nhar is-Sibt, 2 ta' Marzu mill-10:00 sa nofsinhar fil-Belt Valletta. Kull min iħoss li għandu jesprimi ruħu f'forma poetika, huwa mistieden jattendi. It-tema hija ħielsa u tista' tkun f'kull ilsien sakemm din tkun addattata għal pubbliku. Jekk wieħed iħoss il-ħtieġa li jagħti ħjiel ta' dak li jkun se jaqra, jista' jagħmel dan ukoll. Din id-darba, biex ikun hemm ambjent aktar fejn wieħed jista' jfisser it-tqanqiliet tiegħu f'iżjed trankwillità, il-post ġie mibdul minn dak li kien sar fid-darbtejn l-oħra għal ieħor li huwa f'Dar l-Emigrant fuq ix-xellug qabel wieħed jidħol fil-Barrakka ta' Fuq.
Thursday, February 21, 2013
Serata f’ġieħ il-Professur Oliver Friġġieri
Nhar it-Tlieta 19 ta’ Frar kienet erba’ għaqdiet tal-Letteratura Maltija ... L-Għaqda Poeti Maltin, Poeżija Plus, Writers’ Club u l-Koperattiva Kulturali tal-Universita’ organizzaw serata f’ġieħ il-Professur Oliver Friġġieri. Għal din is-serata ġew mistiedna il-President ta’ Malta Dr. Gorġ Abela, il-Professur innifsu Oliver Friġġieri u l-membri tal-għaqdiet imsemmija.
Il-lejla,
li saret Palazzo de La Salle, Soċjeta’ tal-Arti, Manifattura u Kummerċ il-Belt,
bdiet b’merħba lil-President ta’ Malta fejn tkanta l-Innu Malti.
Kit
Azzopardi (Writers’ Club) ta’ merħba lil-Professur Friġġieri, lil-President ta’
Malta u lil-mistednin kollha preżenti u għamel introduzzjoni ta’ dak li kien se
jsir. Inqraw diversi xogħlijiet ta’ dan
il-kittieb mil atturi Mario Micallef, Therese Gauċi u Vanni Riolo. Il-poeżija u
l-mużika huma taħlita sabiħa ta’ espressjonijiet li joħorġu mill-qalb kif urina
tajjeb il-kantant u kompożitur Vince Fabri (Poeżija Plus). Huwa għażel poeżiji
ta’ Oliver Friġġieri u żejjinhom b’melodija mil-isbaħ.
L-erba’
għaqdiet kollha taw is-sehem tagħhom f’din is-serata u dan kien is-sabiħ ta’
din l-attivita’ fejn dawn ingħaqdu kollha għal istess għan ... dak biex jagħtu
ġieħ lil dan il-kittieb Malti.
Monday, February 18, 2013
Lejla ta' Ġieħ ad unur il-Professur Oliver Friggieri
L-Għaqda Poeti Maltin, The Writers Club u Poeżija Plus flimkien u bil-parteċipazzjoni tal-Koperattiva tal-Kultura fi ħdan l-Università ta' Malta, se jtellgħu Lejla ta' Ġieħ ad unur il-Professur Oliver Friggieri, Poeta, Rumanzier u Studjuż tal-identità Maltija. Din se ssir nhar it-Tlieta, 19 ta' Frar bejn is-6:30 u s-7:30 ta' filgħaxija fil-bini tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, il-Belt Valletta.
Is-Sa Theresa Gauci u s-Sur Vanni Riolo se jaqraw uħud mill-poeżiji tal-Professur Oliver Friggieri waqt li s-Sur Vince Fabri se jdoqq u jkanta poeżiji oħra fuq arranġament mużikali tiegħu. Is-Sur Mario Micallef se jinterpreta silta minn “Ribell Ġentili”.
Fost mistiedna distinti oħra, din il-lejla ta' ġieħ lil Professur Oliver Friggieri se tkun onorata bil-preżenza tal-Eċċellenza Tiegħu, Dr. George Abela, President tar-Repubblika ta' Malta.
Għaldaqstant, l-Għaqda Poeti Maltin qed tistiednek li tattendi għal din is-serata.
L-attività se tittella' xahrejn u nofs wara li l-Professur kien onorat l-"Al Merito della Repubblica Italiana" mill-Italja, unur li huwa l-ekwivalenti għal Ġieħ ir-Repubblika f'Malta. Il-Professur ta kontribut kbir fil-qasam letterarju mhux biss permezz ta' kitbiet letterarji, iżda wkoll permezz ta' kitbiet akkademiċi, filwaqt li ħafna mill-istudenti tiegħu jibqgħu grati lejh għall-ġenerożità tiegħu.
L-attività se ssir fil-Palazz De La Salle, 219 Triq ir-Repubblika, il-Belt, u se tkun nhar it-Tlieta 19 ta' Frar, fis-6:30pm. Kulħadd huwa mitlub ikun bilqiegħda 10 minuti qabel. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b'xejn. Il-Palazz huwa magħruf ukoll bħala d-dar tas-Soċjetà ta' Malta tal-Arti, il-Manufattura u l-Kummerċ (www.artsmalta.org).
Ħajr lill-Għ.P.M. tal-għajnuna tagħhom bil-kiri tas-sala, u lil Vince Fabri li aċċetta li jkanta xi poeżiji.
Subscribe to:
Posts (Atom)