Pages

Wednesday, April 25, 2012

Ċirkolari nru 2 - Serata f'Ħal Safi

II-Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Ħal Safi fl-okkażjoni mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri u l-mitejn sena mit-twelid ta’ Charles Dickens, permezz tal-Kap tal-Iskola, l-Assistenta Kap u l-Għalliema, flimkien mal-Kunsill tal-Iskola qegħdin jistiednu lil membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ mistieden/a għal Serata Mużika-Letterarja fil-Jum tal-Premjazzjoni għas-sena skolastika 2010/11. Din se ssir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2012 fis-6:30 ta’ filgħaxija fis-sala tal-iskola. Minħabba l-postijiet biex wieħed joqgħod bilqiegħda, huwa importanti li dawk li se jattendu jew li mhux se jattendu jinformaw lil President, is-Sur Charles Magro jew lill-Assistent Segetarju, is-Sur Charles Mifsud jew iċemplu fl-iskola fuq in-numru 21649056. Salv Sammut SEGRETARJU

Sunday, April 22, 2012

Ċirkolari nru 1 Premjazzjoni Tfal 2012

Ninformakom li nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ April sejra ssir il-premjazzjoni tal-Konkors tal-Poeżija Għat-Tfal 2012. Din se ssir fil-Belt Valletta fiċ-Ċentru tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fis-6:30 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mitlub li jattendi u jkun fil-ħin.

Monday, April 16, 2012

Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin fil-Mosta



Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Sammut tkellem dwar il-Kumitat il-ġdid li għandu jservi għat-tliet snin li ġejjin u qal li huwa magħmul kemm minn membri veterani kif ukoll minn demm ġdid, mela membri li jidhru li daħlu b’enerġija u li lesti li jagħtu sehemhom sewwa. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ixerrdu l-kelma u jħeġġu mhux biss lil membri oħra tal-Għ.P.M. biex jattendu għal Lejliet bħal dawn imma anki ħbieb u persuni interessati fil-poeżija. Qal ukoll li tkun idea tajba li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għ.P.M. rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra. Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011). Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef, preżenza regolari waqt Lejliet bħal dawn. Fl-aħħar tas-serata Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għal-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għ.P.M. Wara l-qari tal-poeżiji, dawk preżenti kienu mistednin għal bibita bejn il-ħbieb.