Pages

Saturday, May 8, 2010

Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija

u l-Premju Nosside 2010 fl-Istituto Italiano di Cultura



Nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Mejju, fis-7 p.m., fl-Istituto Italiano di Cultura, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla oħra ta’ Poeżija. Lejla bħal din setgħet issir anki permezz tal-għajnuna tad-Direttur tal-Istituto, Dott. Bruno Busetti, u l-kollaboraturi tiegħu. Busetti fetaħ u għalaq is-serata b’diskorsi qosra fejn wera l-pjaċir tiegħu li jittellgħu lejliet mużiko-letterarji bħal dawn u sostna li l-bieb tal-Istituto huwa dejjem miftuħ għal inizzjattivi bħal dawn. Is-Segretarju tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, mexxa l-Lejla u fejn kien hemm bżonn għamel parafrażijiet tal-poeżiji li nqraw bil-Malti u ta tagħrif dwar il-biċċiet ta’ mużika li ndaqqew mill-4th System Quartet li pprovdew mużika klassika mir-repertorju Taljan.
Lejn il-bidu tal-Lejla, il-viċi-President tal-Għ.P.M., Patrick Sammut, għamel preżentazzjoni PowerPoint biex nieda s-XXVI Edizzjoni tal-Premju Dinji tal-Poeżija, Nosside 2010, miftuħ sat-30 ta’ Ġunju li ġej. Dan għamlu bħala d-Delegat tal-Premju Nosside għall-Gżejjer Maltin. In-Nosside twaqqaf mill-Prof. Pasquale Amato fl-1983 u fih illum jipparteċipaw aktar minn 40 nazzjon differenti mill-kontinenti kollha, b’poeżiji miktubin b’ilsna u djaletti differenti, inkluż l-Ilsien Malti. Tqassmu wkoll fuljetti dwar in-Nosside 2010 lil dawk li attendew.
Waqt is-serata l-membri tal-Għ.P.M. qraw poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż, imma l-parti kbira tagħhom kienu bit-Taljan. Mistieden speċjali kien il-poeta u studjuż, Rigu Bovingdon, mill-Awstralja. Wara li nqrat bijografija qasira dwaru, Bovingdon qara xi poeżiji fit-tliet ilsna, filwaqt li wera lil dawk preżenti l-pjaċir tiegħu li kien magħhom. Huwa qal ukoll li avvenimenti bħal dawn iħajruh jerġa’ lura lejn il-gżira tal-għeruq tiegħu.
Fi tmiem il-Lejla l-President, Alfred Massa, f’isem l-Għaqda, ta lil Dott. Busetti żewġ antoloġiji poetiċi multilingwi tal-Għ.P.M. bħala turija ta’ ħajr u anki bħala sinjal ta’ ħbiberija bejn l-Istituto Italiano di Cultura u l-Għaqda Poeti Maltin.
Wara dawk li attendew setgħu jgawdu minn riċeviment żgħir offrut mill-Istituto Italiano di Cultura.

No comments:

Post a Comment