Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għal JUM L-IMTARFA 2010 l-Għaqda Poeti Maltin kienet mistiedna biex flimkien mal-Kunsill tal-post torganizza Lejla ta' Poeżija u Mużika. Din saret fis-sala ewlenija tal-iskola primarja tal-lokal har il-Ġimgħa 23 ta' April 2010 u tmexxiet minn Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.
Kienet Lejla speċjali għall-fatt li matulha nqraw numru sabiħ ta' poeżiji kemm mill-membri tal-Għaqda kif ukoll mit-tfal tal-post. Dawn kienu bil-Malti u bl-Ingliż. Fil-parti mużikali ħadet sehem il-mezzo sopran Miriam Camilleri akkompanjata fuq is-synthesiser minn żewġha Michael.
Saru żewġ diskorsi. Alfred Massa, President tal-Għ.P.M., ikkwota lid-drammaturgu Irlandiż, George Bernard Shaw meta qal li r-reliġjon u l-arti huma aħwa u kieku ma kinux huma kieku t-tbatija umana kienet tkun ferm agħar milli hi. Massa qal li la darba l-poeżija hija fergħa mill-arti, allura għandha l-importanza tagħha fil-ħajja tal-bniedem. Huwa qal li għalih anki l-poeżija u l-mużika huma aħwa. Massa temm billi feraħ lill-Kunsill Lokali talli rnexxielu joħloq daqstant importanza fit-tfal tal-post li huma l-adulti ta' għada.
Minn naħa tiegħu is-Sindku tal-Imtarfa, Anton Mifsud, filwaqt li rringrazzja lill-Għ.P.M. għas-sehem tagħha esprima s-sodisfazzjon tiegħu għan-numru sabiħ ta' attendenza li kellu quddiemu. Is-sala kienet ippakkjata bin-nies! Mifsud irringrazzja wkoll lil kulmin ta sehmu biex is-Serata setgħet tirnexxi u wara ippreżenta Memento lill-President tal-Għ.P.M.
Lejn it-tmiem sar trattament lil dawn li attendew.
Friday, April 23, 2010
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment