L-Għaqda Poeti Maltin dejjem kellha rispett lejn il-poeta għax hi tħares l-ewwel u qabel kollox lejn il-frott u mhux lejn is-siġra. Dan jista' jixhdu kulmin segwiha sa mit-twaqqif tagħha. Anzi, l-Għaqda tibqa' tirrispetta lill-poeta saħansitra wara mewtu; kif urew ċerti attivitajiet li organizzat biex tfakkar poeti li llum ħallewna, bla ma qagħdet tqis kinux membri tagħha jew le.
Mhux biss, imma l-Għaqda qatt ma ddiskriminat bejn sess u ieħor. Fil-fatt fil-lista tal-membri hemm kemm poeti maskili kif ukoll femminili; anki fil-Kumitat stess minn ħames membri, tnejn huma nisa. Biex dan jissaħħaħ, issa l-Kumitat iddeċieda li fost il-Membri Onorarji ad vitam jaħtar għall-ewwel darba poetessa.
Din hija s-Sinjura Lina Brockdorff. Ċertament, kulmin hu midħla tal-Letteratura Maltija xi darba jew oħra żgur li sema' b'Lina Brockdorff; poetessa, prożatura u persuna li tat sehem kbir f'diversi Għaqdiet tal-Malti, fosthom l-Għ.P.M., li ilha msieħba fiha għal ħafna snin. Biex turi r-rikonoxximent lejn il-ħidma letterarja tas-Sinjura Brockdorff l-Għaqda fi żmien qarib ser taħtarha uffiċjalment bħala Membru Onorarju ad vitam.
Jiena ċert li kulħadd jaqbel ma' dan il-pass. Fl-istess ħin jirrealizza kemm l-Għaqda tagħna tapprezza bis-serjeta' u bla ebda diskriminazzjoni l-ħidma ta' kulmin jagħti sehmu fil-qasam poetiku ta' pajjiżna.
Lil Lina, nifirħilha u nawguralha.
Alfred Massa
President
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment