L-Għaqda Poeti Maltin twaqqfet f’Diċembru 1975. L-ewwel President kien Mons. Dr Amante Bountempo li aktar tard ġie konfermat bħala President ad vitam. L-għan li għalih twaqqfet l-Għaqda kien biex titrawwem u titkattar f’pajjiżna l-imħabba lejn il-poeżija.
Fost l-attivitajiet li l-Għ.P.M torganizza, ta’ min isemmi l-konkors nazzjonali tal-poeżija, il-lejliet letterarji u l-pubblikazzjonijiet bil-poeżiji tal-membri tagħha. S’issa ppublikat dawn l-antaloġiji: A Poetic Galaxy (1983); Diwi fl-Ispazju (1985); Tifkiriet Kalabriżi / Ricordi Calabresi (1986); Il-Papa fi Ħsieb il-Poeti Maltin (1990); Msiebaħ Mediterranji / Lucerne Mediterranee (1995) u l-antoloġija Riflessi Fiddiena(2000) li ġiet ippublikata b’tifkira tal-25 sena mit-twaqqif tal-Għ.P.M.
Mhux ta’ min iħalli barra l-“Premio Città di Valletta” li l-Għ.P.M organizzat għal numru ta’ snin flimkien ma’ l-Associazione dei Bronzi u d-dar tal-Pubblikazzjoni “Isteu” ta’ Catanzaro , fl-Italja. Dan il-Premju dejjem sar taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta .
L-Għ.P.M għandha wkoll ir-rivista letterarja tagħha bl-isem ta’ Versi li ilha toħroġ regolarment mill-1986.