Pages

Monday, June 24, 2013

L-Għaqda Poeti Maltin u l-Laqgħa tas-Sibt, 6 ta’ Lulju



Billi din is-sena Rużar Briffa qed ikun imfakkar fil-50 sena minn mewtu, l-Għaqda Poeti Maltin ħasbet biex matul il-laqgħa tal-ewwel Sibt tax-xahar li jmiss, jiġifieri fis-6 ta’ Lulju, ikun iddedikat ftit ħin għal dan il-poeta mill-Belt Valletta.
Dr. Carmel Mallia se jaqra esej bil-Malti bl-isem, "Il-Poeżija tat-Tbatija f'Rużar Briffa b'referenza għall-poeta Franċiż  Alfred de Vigny." Dan l-istess studju se jkun ippubblikat fi ktejjeb ta' 24 paġna u se jkun għall-bejgħ waqt din il-laqgħa li ssir f’Dar l-Emigrant – ħdejn dħul il-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq – bejn l-10am u 12pm. Il-ktejjeb se jinbigħ għall-prezz ta’ €3 u l-qligħ imur għall-Għaqda Poeti Maltin. Il-ktejjeb dwar Rużar Briffa se jkun b'xi stampi, jagħti l-karatteristiċi tal-poeżija tat-tbatija ta' Rużar Briffa u fih Dr. Mallia jqabbel xi punti li ħareġ ma' xi karatteristiċi tal-poeta Franċiż Alfred de Vigny (1797-1863). Dan l-esej oriġinarjament inkiteb bl-Esperanto mill-istess Dr. Karmenu Mallia u deher flimkien ma' esejs ta' awturi esperantisti oħra fil-'Festlibro de A al B/por Andre' Albault', ippubblikat mill-Edition Iltis, Franza. 
Kulħadd huwa mistieden. Se jkun hemm ukoll ħin biex dawk preżenti jaqraw kemm poeżiji ta’ Rużar Briffa kif ukoll versi tagħhom stess.

Wednesday, June 12, 2013

Laqgħa bejn il-Kumitat u żewġ kittieba Maltin mill-Awstralja

Nhar il-Ħamis, 6 ta' Ġunju, il-membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin kellhom laqgħa informali ma' żewġ kittieba Maltin mill-Awstralja. Dawn huma Lou Drofenik minn Melbourne, awtriċi ta' rumanzi bħal Birds of Passage, In Search of Carmen Caruana, Of Cloves and Bitter Almonds, Cast the Long Shadow, u l-aktar reċenti, Beloved Convict; u Frank Zammit minn Sydney, awtur ta' ġabriet ta' poeżiji bħal Bejn Żewġ Gżiriet, Qwiel minn Fomm l-Imġarrab, u l-aktar reċenti, Mixjieti fi Triqatek. L-Għ.P.M. u ż-żewġ kittieba Maltin-Awstraljani tkellmu dwar kif jistgħu jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-Għaqda u l-kittieba Maltin fl-Awstralja, u anki dwar kif jistgħu jissaħħu r-rabtiet bejn it-tielet ġenerazzjoni tal-Maltin fl-Awstralja u persuni tal-istess eta' f'Malta.

Sunday, June 2, 2013



Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Ġunju, membri tal-Għaqda Poeti Maltin qraw poeżiji tagħhom f’Dar l-Emigrant, ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt Valletta.