Pages

Friday, March 30, 2012

L-Għaqda Poeti Maltin fl-Iskola ta' Ħal Safi




Din is-sena qegħdin niċċelebraw għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm. L-Għaqda Poeti Maltin ġa kkommemorat lil dan il-Poeta fir-rivista VERSI.

It-tfal u l-għalliema ta’ l-iSkola Primarja ta’ Ħal Safi, Kulleġġ San Benedittu, imbarkaw fuq proġett biex dan il-Poeta jkun magħruf aktar.

Talbu wkoll l-għajnuna tal-Għaqda Poeti Maltin fl-organizzazzjoni ta’ special assembly, li għaliha attendew l-istaff u l-istudenti kollha ta’ l-iskola. Kienu mistednin ukoll il-ġenituri. Din l-assemblea saret fil-15 ta’ Marzu 2012, fis-sala kbira u sabiħa ta’ l-iSkola, li hi wkoll għall-użu tal-komunità.

Fetaħ il-laqgħa l-President tal-Għaqda Poeti Maltin, Charles Magro, li tkellem ftit fuq l-Għaqda Poeti Maltin, u mbagħad inkwadra lil Patri Anastasju Cuschieri fil-komunità tal-Patrijiet Karmelitani, li hi l-ħajja li għażel li jgħix minħabba d-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna; devozzjoni li wasslitu biex jibqa’ magħruf bħala “Il-Poeta tal-Madonna”. Inkwadrah ukoll bħala bniedem politiku fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa, biex ippreżentah bħala ħabib kbir ta’ l-Ilsien Malti, u ta’ dak kollu li hu Malti.

L-istduenti ta’ l-iSkola ddrammatizzaw xi poeżiji ta’ Patri Cuschieri. Is-Segretarju tal-Għ.P.M., Salv. Sammut, qara biografija qasira tal-Poeta. Charles Mifsud, Assistent Segretarju tal-Għ.P.M., qara studju qasir, miktub minn Patrick Sammur, Viċi President tal-Għ.P.M., li ttratta lill-Poeta mill-ħidma tiegħu għall-Ilsien Malti. Bernardette Mercieca, Assistent Kap ta’ l-iSkola qrat studju qasir li għamlet fuq waħda mill-poeżiji ta’ Cushieri li dari konna naqraw fil-kotba tal-Malti li kellna aħna meta konna għadna mmorru l-iskola primarja.

Il-Kap ta’ liSkola, Maria Montebello, għalqet il-laqgħa billi rringrazzjat lil kulmin ħa sehem, spjegat fuq fuq il-proġett ta’ l-iSkola, u qalet li l-iSkola li tmexxi mhux se tieqaf taħdem biex dak kollu li hu Malti mhux biss ma jintilifx, iżda tikber l-importanza tiegħu f’qalb il-poplu Malti kollu.

Thursday, March 1, 2012

Peter Caruana

B'soghba ngħarrfukom li miet Peter Caruana, membru onorarju tal-GħPM. Funeral għada il-Ġimgħa 2 ta' Marzu, knisja ta' Ħal Tarxien 4.15pm.