Pages

Sunday, December 18, 2011

L-Għ.P.M. TFAKKAR LIL ĠUŻE' AQUILINA


L-Għaqda Poeti Maltin temmet l-attivitajiet tagħha għas-sena 2011 b'Lejla ta' Poeżija ad unur il-Prof. Ġuże' Aquilina f'għeluq iċ-ċentinarju ta' twelidu. Din saret nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru, fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara u tmexxiet minn Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.
F'Kelmtejn fil-qosor fil-bidu tal-Lejla, il-president Alfred Massa qal li l-2011 kienet waħda importanti għall-Għ.P.M. u għal kulmin iħobb il-poeżija Maltija. Matulha tfakkar il-50 anniversarju tal-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali. Tfakkru wkoll iċ-ċentinarji tat-twelid tan-Nutar V.M. Pellegrini u tal-Prof. Ġuże' Aquilina. Dawn it-tlieta kellhom rabta speċjali mal-Għ.P.M. Dun Karm għax poġġa l-poeżija tagħna fuq pedamenti sodi filwaqt li Pellegrini u Aquilina kienu Membri Onorarji ad vitam tal-Għaqda u ngħataw ukoll mill-istess Għaqda il-Premio Citta' di Valletta' premju prestiġjuż organizzat mill-Għ.P.M. ma' żewġ Assoċjazzjonijiet Taljani u li dejjem sar taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika.
Massa temm billi kkwota kliem il-Mons. Prof. Karm Sant dwar il-Profs. Aquilina: Isem Ġ. Aquilina hu punt ta' riferiment ewlieni fil-ġrajja kulturali kollha ta' Malta, u hu monument fl-istorja partikolari tal-Malti. (Leħen il-Malti, 1977).
Wara inqraw diversi xogħlijiet tal-Prof. Aqulina minn dawk preżenti. Inqraw ukoll kitbiet dwaru minn Therese Pace, Peter A. Caruana u Marlene Saliba Toledo.
Fi tmiem il-Lejla, il-President Alfred Massa ta Diploma u Medalja tal-Għ.P.M. lill-poetessa Therese Pace bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħha fi ħdan l-Għaqda.
Il-parti mużikali kienet afdata f'idejn il-kant-awtur Walter Micallef.

Monday, December 5, 2011

LEJLA TA’ PREMJAZZJONI - Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija 2011


Il-Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija organizzat mill-G]aqda Poeti Maltin [ie fi tmiemu waqt Lejla ta’ Premjazzjoni li saret il-Ħamis, 1 ta’ Diċembru 2011, fis-sala tas-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, il-Belt. Din tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro.
F’diskors fil-bidu taċ-ċerimonja l-President tal-Għaqda, Alfred Massa qal li sa mit-twaqqif tagħha fl-1975, l-Għ.P.M. mill-ewwel ħasbet biex tibda torganizza diversi attivitajiet ħalli tqajjem kuxjenza pubblika favor il-poeżija f’pajjiżna. Fost dawn l-attivitajiet kien hemm il-Konkors ta’ Poeżija li kellu jibda jsir kull sena. U hekk sar u hekk nittama li jibqa’ jsir. Għax dan il-Konkors qed jgħin lil ħafna poeżiji li jkunu ilhom is-snin maqfulin fil-kxaxen tal-individwi li jkunu nisġuhom.
Kull sena dan il-Konkors ġibed lejh numru konsiderevoli ta’ parteċipanti kemm poeti stabbiliti kif ukoll oħrajn prinċipjanti. L-aktar meta dan infetaħ għall-poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan; bl-enfasi, naturalment, dejjem tkun fuq il-Malti. Imbagħad il-kelliem irringrazzja lil kulmin ħa sehem fl-organizzazzjoni tal-Konkors u feraħ lill-parteċipanti kollha, rebbieħa u mhumiex.
Wara l-Ġurija qrat ir-Rapport tagħha. Intqal li fuq nota ġenerali l-konkors kien wieħed ta’ livell tajjeb ħafna. Saru wkoll suġġerimenti lil dawk li għadhom tarjin fin-nisġa tal-versi biex jaqraw aktar poeżiji kemm ta’ poeti Maltin kif ukoll ta’ poeti barranin.
Imbagħad inqraw il-poeżiji rebbieħa u tqassmu l-Premjijiet mill-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa. Ir-riżultat kien dan li ġej:

TAQSIMA MALTI:
1. Flaxbekk ta’ Stefano Farrugia (rebbieħ ukoll tal-Premju Buontempo);
2. Lil R ta’ Keith Azzopardi;
3. Meta l-Aħħar Xemgħa ta’ Jane Micallef.

TAQSIMA INGLIŻ:
1. The Physician ta’ Kristina Miggiani;
2. Those few moments in time ta’ Raymond Grech.

TAQSIMA TALJAN:
1. Sotto il legno crocifisso nella mia stanza ta’ Mario Attard;
2. Da capo ta’ Christine Farrugia.

Issemmew b'ġieħ poeżiji mit-tliet taqsimiet, din id-darba ta' Therese Pace, Robert Zammit, Therese Vella, Stefano Farrugia, Kevin Tanti, Keith Azzopardi u Robert Gatt.