Sunday, October 16, 2011
L-Għ.P.M. tfakkar lil Dun Karm
Quddiem udjenza sabiħa ferm fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Serata biex tfakkar il-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali tagħna.
F'diskors qasir il-President, Alfred Massa qal li jekk l-Għ.P.M. fl-imgħoddi fakkret diversi poeti lokali kemm kien xieraq tfakkar lil Dun Karm. Massa ssokta jgħid li lil dan il-poeta kbir tagħna tawh diversi titli, fosthom dawk ta' Poeta Nazzjonali, Poeta tal-Protesta u Poeta tat-Tama. Hu kkwota lill-Prof. Ġuże' Aquilina li f'artiklu fil-ħarġa speċjali tar-rivista Il-Malti (1986) kiteb illi biex wieħed jifhem tajjeb lil Dun Karm irid jifhem iż-żmien li għex fih. Fl-aħħarnett, il-kelliem irrefera wkoll għal kliem ta' Ġuże' Chetcuti, li Dun karm għadu u jibqa' magħna minħabba l-wirt kbir li ħallielna.
Fis-Serata nqraw kemm poeżiji ta' Dun Karm, oħrajn miktubin dedikati lilu, u xogħlijiet kritiċi dwar temi mill-versi dunkarmjani. Instemgħu wkoll xi Innijiet b'arranġament ta' Mro Joe Vella kantati mill-Kor Għawdxi Laudate Pueri.
Is-Serata tmexxiet mis-Segretarju tal-Għ.P.M., Charles Magro.
Lejla f'Ħal Tarxien
Il-Ġimgħa, 14 ta' Ottubru 2011, l-Għaqda Poeti Maltin ħadet sehem f'Lejla Kulturali quddiem il-knisja parrokkjali ta' Ħal Tarxien. Din kienet parti minn manifestazzjoni mqassma fuq tlett ijiem bl-isem Puniċi organizzata mill-Kunsill Lokali tal-post.
Barra kant minn kantanti stabbiliti, il-poeti preżenti qraw xogħlijiethom. It-temi kienu marbutin mar-raħal ta' Ħal Tarxien, mal-Lunzjata u mal-Istorja ta' Malta inġenerali.
F'diskors qasir fil-bidu tas-Serata, li tmexxiet b'mod eċċellenti minn Dr Joseph Axiaq, Ass. Segretarju tal-Għ.P.M., il-President Alfred Massa tkellem dwar l-importanza tal-Istorja għax minnha nistgħu nitgħallmu nibnu l-preżent aħjar u jfasslu ġejjieni xieraq għal uliedna. Massa faħħar lill-organizzaturi talli fil-programm inkludew rokna dedikata lill-Dun Karm Psaila f'għeluq il-50 sena minn mewtu.
Fil-fatt aktar tard inqraw bijografija tal-Poeta Nazzjonali u Innu li Dun Karm kiteb fl-1936 biex jitkanta fil-purċissjoni titulari tal-lokal.
Is-Sindku, il-Kav. Paul Farrugia fi tmiem is-Serata rringrazzja lil kulmin ta sehmu fis-Serata.
Thursday, October 6, 2011
Żewġ Serati mill-Għ.P.M.
Il-Ġimgħa, 14 ta' Ottubru 2011 fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta' Ħal Tarxien fis-7.00 pm fliem mal-Kunsill Lokali. Serata Klassika imżewqa bil-kant u l-mużika. Min jiġi jġib poeżija miegħu. Kulħadd mistieden.
Is-Sibt, 15 ta' Ottubru 2011 fis-6.30 pm filPaslazz tal-Markiż, il-Mosta. Serata Poe-Mużikali f'tifkira tal-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. Min jiġi jġib miegħu poeżija/proża konnessa ma' Dun karm. Ser nisimgħu jindaqqu Innijiet miktubin minn Dun Karm. Kulħadd mistieden.
Is-Sibt, 15 ta' Ottubru 2011 fis-6.30 pm filPaslazz tal-Markiż, il-Mosta. Serata Poe-Mużikali f'tifkira tal-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. Min jiġi jġib miegħu poeżija/proża konnessa ma' Dun karm. Ser nisimgħu jindaqqu Innijiet miktubin minn Dun Karm. Kulħadd mistieden.
Subscribe to:
Posts (Atom)