Pages

Friday, July 29, 2011

Il-kittieb Vincenzo Maria Pellegrini mfakkar mill-Għaqda Poeti Maltin


Nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Lulju 2011, fis-7pm, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ Vincenzo Maria Pellegrini, din id-darba fir-Razzett tal-Markiz Mallia Tabone fil-Mosta. Il-Lejla tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro. Fid-diskors introduttiv tiegħu l-President, Alfred Massa, qal li mhux l-ewwel darba li l-Għ.P.M. fakkret poeti membri tagħha. Pellegrini, li dis-sena jagħlaq mitt sena minn twelidu, kien attiv ħafna fl-Għaqda sa mill-bidu, tant li ngħata l-unur ta’ Membru Onorarju. Waqt is-serata nqraw poeżiji mill-membri preżenti b’ilsna u stili differenti u li missew temi differenti. Kien hemm ukoll parti ddedikata lil Vincenzo Maria Pellegrini: inqraw bijografija, kumment kritiku dwar il-poeżiji tiegħu u anki numru ta’ xogħlijiet mill-pinna tiegħu, u dan kollu bis-saħħa tal-membri tal-Għaqda Poeti Maltin preżenti. Is-serata ġiet imżewqa wkoll mill-mużika folk tal-kantawtur Walter Micallef, preżenza regolari waqt okkażjonijiet bħal dawn. Minn hawnhekk ħajr ukoll lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti li pprovdiet għal darb’oħra l-post pittoresk fejn setgħet tittella’ din il-Lejla.

Tuesday, July 12, 2011

Omar Seguna jniedi ġabra ta’ poeżija ġdida f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin



Nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Lulju 2011, ġiet mitbugħa t-tieni ġabra ta’ poeżiji tal-poeta żagħżugħ u membru tal-Għaqda Poeti Maltin, Omar Seguna, bl-isem ta’ 24, Triq Ħad-Dwieli. Dan seħħ f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin waqt Lejla apposta li saret fl-iSkola Sekondarja tas-Subien tal-Gżira fis-7.30p.m. Il-Lejla kienet immexxija mis-Segretarju tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li fetaħ l-okkażjoni billi qara bijografija tal-poeta żagħżugħ. Huwa fakkar ukoll li din mhix l-ewwel darba li l-Għ.P.M. għenet fit-tnedija ta’ pubblikazzjonijiet miktubin minn poeti membri tagħha. Waqt is-serata nqraw apprezzamenti kritiċi dwar din il-ġabra ġdida ta’ poeżiji minn Mario Attard u Patrick Sammut, li tkellmu dwar elementi tematiċi u stilistiċi rispettivament. Waqt is-serata kien hemm ukoll siltiet ta’ mużika fuq l-accordion mill-mużiċista Jason Bugeja. 24, Triq Ħad-Dwieli huwa ktieb li ħareġ flimkien ma’ cd li fiha wieħed jista’ jaqra, jisma’ moqrija u jara akkumpanjati minn videos u ritratti attraenti, il-poeżiji li hemm fl-istess ktieb. Dan huwa kunċett ġdid li jgħin lil dawk li mhumiex ħbieb tal-ktieb joqorbu lejn il-letteratura in ġenerali u l-poeżija in partikolari b’modi aktar moderni marbutin mat-teknoloġija tal-informatika. Lejn l-aħħar tas-serata tkellem ukoll is-sur Dorian Cassar tal-“Active Promotions”, li wera lil dawk preżenti l-proċess li wassal biex 24, Triq Ħad-Dwieli jsir ukoll xorta ta’ e-book. Is-serata ngħalqet b’diskors qasir mill-istess Omar Seguna li wara tkellem ma’ dawk preżenti u ffirma kopji tal-antoloġija poetika ġdida tiegħu. Min attenda għal din il-Lejla ta’ Tnedija fl-aħħar kien mistieden għal riċeviment żgħir li matulu kien hemm il-ħin biex membri tal-Għ.P.M. u nies oħra preżenti jitkellmu bejniethom u anki ma’ Omar Seguna.

Sunday, July 10, 2011

KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2011

REGOLAMENTI
1. Kull poeżija tista’ tkun f’kull forma, ma tridx tkun itwal minn tletin (30) vers u trid tkun oriġinali u qatt imxandra jew ippubblikata qabel. Tista’ tkun bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan.
2. Kull poeżija trid tkun ittajpjata fi tliet (3) kopji bi spazju doppju.
3. Il-Konkors hu miftuħ għal kull min għandu ‘l fuq minn 16-sena, mhux għall-Membri tal-Għ.P.M. biss. Iżda l-Membri tal-Kumitat tal-Għ.P.M. ma jistgħux jieħdu sehem.
4. Kull konkorrent jista’ jibgħat sa tliet (3) poeżiji.
5. Kull poeżija għandha tidher taħt psewdonimu. Isem il-poeżija, l-isem u l-indirizz tal-konkorrent flimkien mal-psewdonimu addottat, għandhom ikunu f’envelop issiġillat, li għandu jkun mehmuż mal-poeżiji.
6. Jingħataw tliet (3) premjijiet lill-ewwel tliet (3) poeżiji rebbieħa bil-Malti. Ir-rebbieħ ta’ l-ewwel premju jingħata wkoll il-Premju Mons. Buontempo. Jingħataw żewġ (2) premjijiet oħra għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bl-Ingliż u żewġ (2) premjijiet għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bit-Taljan.
7. L-Għaqda Poeti Maltin iżżomm il-jedd li tippubblika bla ħlas (għallinqas darba) il-poeżiji li jidħlu għall-Konkors.
8. Il-poeżiji li jitressqu għall-Konkors ma jingħatawx lura.
9. Ħadd ma jkollu jedd għal aktar minn premju wieħed, iżda jista’ jissemma b’ġieħ għal aktar minn poeżija waħda.
10. Il-Ġurija titħabbar mar-riżultat u d-deċiżjoni tagħha tkun finali.
11. Kull konkorrent irid jibgħat €6 jekk m’hux membru tal-Għ.P.M. Jekk hu membru jibgħat €4 Ewro, basta jkun regolari fil-ħlas tas-Sħubija (2011). Dan għandu jsir immaterjalment minn jekk il-konkorrent jiħux sehem b’poeżija waħda, tnejn jew tlieta. Il-ħlas għandu jsir b’ċekk, jew money order, indirizzat lis-Sur C. Magro, u inkluż mal-poeżiji u l-envelop issiġillat bid-dettalji ta’ min jieħu sehem. Ħlas f’bolol ma jiġix aċċettat.
12. Il-poeżiji u l-ħlas iridu jaslu għand is-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Charles Magro, “Darna”, 42, Triq is-Sur, Fgura, FGR 1249, sal-31 t’Awwissu 2011.
13. Lista tax-xogħlijiet li jkunu waslu għand is-Segretarju tidher fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda kif jidher hawn fuq wara d-data tal-għeluq.
14. Id-data taċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni titħabbar aktar tard.
15. Min jonqos f’xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jiġi mill-ewwel skwalifikat.