Pages

Saturday, March 26, 2011

IL-Kelma Tal-President - Word From The President - Marzu 2011

Din is-sena qegħdin infakkru tliet anniversarji kbar, li lilna, bħala Għaqda Poeti Maltin, jolqtuna ħafna. Dawn huma l-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali, iċ-ċentinarju tat-twelid tal-Prof. Ġuże' Aquilina u l-10 snin mill-mewt tan-nutar Vincenzo Maria Pellegrini.
Bħala Għaqda tal-Poeżija ma nistgħux ma nħossux rabta speċjali ma' Dun Karm li poġġa l-Poeżija Maltija fuq bażi serja li tista' tħabbatha tajjeb ħafna ma' dik barranija. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ poeti l-oħra kienu Membri Onorarji ad vitam tal-Għaqda tagħna; stedina li għamilnielhom u li laqgħuha b'idejhom miftuħin.
L-Għ.P.M. issellem lil dawn it-tliet poeti li għamlu ġieħ lill-poeżija tagħna; ' Il quddiem hemm il-ħsieb li nfakkruhom b'mod xieraq ukoll.
Jalla Dun Karm jissokta jispirana biex inkomplu mixjin fit-triq li fetħilna. Ngħożżu u ninsġu l-Għanja Maltija. Aquilina u Pellegrini nittama li jixprunawna biex nagħtu sehemna f'kull ħidma li torganizza l-Għaqda b'riżq il-Poeżija ta' pajjiżna.

ALFRED MASSA

Żewġ Poeti Taljani waqt Lejla ta’ Poeżija



Għal darb’oħra l-Għaqda Poeti Maltin, flimkien mal-Istitut Taljan tal-Kultura, tellgħet Lejla ta’ Poeżija, fejn kienu wkoll mistednin żewġ poeti mill-Italja ta’ Fuq. Dan seħħ nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu, 2011, fis-7pm. Alberto Figliolia, minn Milan, u Clirim Muca, oriġinarjament mill-Albanija imma jgħix Livorno, kienu mistednin biex jipparteċipaw waqt dis-serata fejn inqraw poeżiji bil-Malti u bit-Taljan mill-membri tal-Għaqda Poeti Maltin, u anki poeżiji bit-Taljan u xi wħud bl-Albaniż minn Figliolia u Muca.
Kienet serata mimlija sinerġija, fejn il-membri tal-Għaqda qraw il-parti l-kbira tal-poeżiji tagħhom bit-Taljan, anki biex jagħmluha aktar faċli lill-mistednin biex jifhmu. Figliolia u Muca, irringrazzjaw lil dawk li qraw talli għoġobhom jagħżlu poeżiji bit-Taljan, imma rringrazzjaw ukoll lil dawk li qraw poeżiji bil-Malti ladarba setgħu japprezzaw l-isbuħija ta’ lsienna, bir-ritmi u l-melodiji partikolari tiegħu.
Bħal bosta drabi l-kantawtur Walter Micallef żewwaq il-Lejla bil-mużika u l-kanzunetti impenjati tiegħu. Mexxa l-Lejla s-Segretarju, Charles Magro, filwaqt li l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Internazzjonali, Dr. Emmanuel Attard Cassar, fetaħ u mexxa l-parti ddedikata liż-żewġ mistednin. Figliolia huwa ġurnalist, filwaqt li Muca għandu dar tal-pubblikazzjoni tal-kotba, Albalibri. F’din il-parti Figliolia u Muca qraw numru sabiħ ta’ poeżiji minn tagħhom li ttrattaw suġġetti bħall-imħabba, il-mewt, il-familja u anki t-teknoloġija. Dawk preżenti setgħu jgawdu spettaklu mill-isbaħ fejn iż-żewġ poeti urew ukoll li l-poeżija hija wkoll divertiment, logħba bil-kliem, eżerċizzju li kapaċi jħallik b’ħalqek miftuħ u mibluh. Il-quċċata ta’ dan l-ispettaklu ntlaħqet meta ż-żewġ poeti flimkien qraw u fl-istess ħin iddrammatizzaw wieħed mix-xogħol tagħhom, b’Figliolia jdur u jgħanni vrusu fost dawk preżenti, filwaqt li Muca, bilqiegħda, jwieġbu, iservi ta’ eku, jgħid l-istess vrus imma b’ritmu jew ton differenti. Hawn wieħed jifhem li l-poeżija xi drabi għandha tiġi wkoll mgħajta.
Kienet Lejla ta’ Poeżija interessanti anki għax dawk li pparteċipaw kienu ta’ etajiet differenti, b’parteċipazzjoni femminili qawwija u anki poeti żgħażagħ. Huwa żgur li Lejliet u okkażjonijiet bħal dawn ħaqqhom udjenza ħafna ikbar, anki għax dawk preżenti jkunu jistgħu jgawdu minn esperjenza speċjali u mhux daqstant frekwenti.
Din mhix l-ewwel darba li l-Għaqda Poeti Maltin stiednet poeti barranin. Insemmu lil Stephen Morris mill-Ingilterra, u lil Paola Mara De Maestri mill-Italja.
Lejn l-aħħar tas-serata dawk preżenti setgħu jixtru xi pubblikazzjonijiet tal-poeti mistednin. Alberto Figliolia u Clirim Muca mbagħad ffirmaw il-kotba tagħhom. Okkażjonijiet bħal dawn huma ideali biex poeti lokali u dawk li jħobbu l-poeżija jiltaqgħu ma’ talenti barranin u jpartu ideat u esperjenzi.