Diċembru jiftaħ il-bieb għax-Xitwa. L-istaġun tal-maltemp imżewwaq bir-riħ, bix-xita u bil-ksieħ. Imma x-Xitwa tgħaddi u warajha jiġu staġuni oħra li forsi għal xi wħud huma aktar pjaċevoli.
Hekk il-ħajja. Tiżwiqa sħiħa ta' kuntrasti. Anki l-Għaqda tagħna tgħaddi minn taqlib bħal dan. Jiddependi minna l-imseħbin kemm jirnexxielna mmexxuha tajjeb speċjalment fi żminijiet diffiċli. U din mhix ħaġa tal-Kumitat waħdu; il-membri kollha jġorru din ir-responsabbilta',
Ma' tmiem kull sena jsiru diversi proponimenti għas-sena l-ġdida. Jalla lkoll kemm aħna nagħtu sehemna biex matul l-2011 inkunu aktar attivi fi ħdan l-Għ.P.M. B'hekk jintleħaq żgur l-għan li għalih twaqqfet din l-Għaqda fl-1975; li tippromwovi l-poeżija fost il-poplu Malti u Għawdxi.
L-isbaħ xewqat lill-membri kollha u lill-familjari tagħhom għal Milied hieni u għal Sena Ġdida mimlija riżq, hena u barka.
ALFRED MASSA
Wednesday, December 29, 2010
Tuesday, December 14, 2010
LEJLA TA POEŻIJA U MUŻIKA F'ĦAL TARXIEN
Issa saret appuntament annwali li nhar it-13 ta' Diċembru l-Għaqda Poeti Maltin tkun mistiedna mill-Għaqda Mużikali "Marija Annunzjata" ta' Ħal Tarxien biex flimkiem jorganizzaw Lejla ta' Poeżija u Mużika dwar il-Milied.
Membri tal-Għaqda qraw numru ta' poeżiji bit-tema Il-Milied jew Ix-Xitwa filwaqt li l-allievi tal-Banda "Marija Annunzjata" daqqew innijiet marbutin mal-Milied. It-taqsima mużikali tmexxiet mis-surmast direttur tal-banda, Mro Victor V ella; Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M., ħa ħsieb il-koordinament tal-parti poetika.
F'kelmtejn fil-bidu tas-Serata, Alfred Massa, President tal-Għ.P.M. fisser kemm l-Għaqda tieħu gost tieħu sehem f'Lejliet simili għax dawn barra milli jagħtu opporunita' mill-membri jaqraw xogħlijiethom iwasslu s-sbuħija tal-poeżija lill-pubbliku inġenerali. Massa qal li l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda tagħti sehemha biex tressaq aktar nies lejn il-poeżija, imma hemm bżonn li għaqdiet oħra joffru opporunitajiet billi jistiednu poeti jitkellmu dwar is-siwi ta' din l-arti sublimi. Il-President ilmenta min-nuqqas ta' attivitajiet li jsiru f'pajjiżna b'riżq il-poeżija u ttama li mis-sena l-ġdida dawn jiżdiedu.
L-aħħar diskors sar mill-President tal-Għaqda Mużikali "Marija Annunzjata" Victor Seguna li rringrazzja lill-Għ.P.M. għas-sehem li tat u lil dawn li attendew għas-Serata li qal li kienet opportunmita' fejn wieħed seta' jara kemm il-mużika u l-poeżija jmorru tajjeb flimkien. Wara stiednet lil dawn preżenti għal bibita.
Sunday, December 5, 2010
Subscribe to:
Posts (Atom)