Mhux l-ewwel darba li kkummentajt dwar l-importanza li l-Għaqda tagħna tagħti lill-kuntatti li għandha ma' għaqdiet tal-poeżija barranin.
Ilna s-snin li sseħibna fil-World Congress of Poets u dan l-aħħar ngħaqadna fil-World Academy of Arts and Culture. Għandna kuntatti regolari wkoll maċ-Circolo Culturale Filatelico Morbegnese u mal-Movimiento Poetas del Mundo.
Dawn il-kuntatti mhux biss jagħtu lill-Għ.P.M. għarfien internazzjonali, imma jgħinuha ssir taf xi jkun għaddej fil-qasam poetiku f'diversi nħawi tad-dinja.
Mhux unur għall-Għaqda tagħna li tiġi mistiedna mis-Segretarju Ġenerali tal-W.C.P., Dr Germain Droogenbroodt, biex torganizza f'pajjiżna l-edizzjoni li jmiss (il-31 edizzjoni) ta' dan il-Kungress Internazzjonali flimkien mal-Ministeru tal-Kultura lokali? Idea li qed tkun studjata mill-Kumitat.
Din hija l-Għaqda tagħna. L-Għaqda li għażilna nkunu membri tagħha.
ALFRED MASSA
Wednesday, August 25, 2010
Monday, August 16, 2010
Il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria jilqa' lill-Poeta Malti Emmanual Attard Cassar
Nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju 2010 il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria, fl-Awstralja, tella’ laqgħa mużiko-letterarja fejn għaliha kien mistieden Dr. Emmanuel Attard Cassar li hu s-Segretarju Internazzjonali tal-Għaqda Poeti Maltin. Attard Cassar kien fuq btala l-Awstralja mal-familja tiegħu biex iżur xi qraba. Il-laqgħa saret fis-Sala taċ-Ċentru Malti ta’ Parkville ġewwa Melbourne.
Għal-laqgħa li bdiet fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar u damet sa xi l-erbgħa attendew madwar ħamsin persuna. Kienu preżenti wkoll il-Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Victoria, is-Sur Charles Mifsud, flimkien mas-Sinjura tiegħu, Anna Maria, Dr Victor Sammut, President tal-Grupp Letteratura Maltija, u s-Sur Gejtu Deguara, Viċi-President tal-Kunsill Malti tal-Victoria flimkien mas-Sinjura tiegħu Mary. Paul Vella, PRO tal-GLM, flimkien ma’ Ray Anastasi, Teżorier, mexxew il-programm. Paul Vella kien ukoll l-organizzatur tal-laqgħa.
E. Attard Cassar qara żewġ poeżiji tiegħu li huma “Ma Bkejtx” u “F’Kull Silenzju” kif ukoll dawn il-poeżiji: “Malta Titkellem” ta’ Dr. Joseph Axiaq, “Għaliex Int u Le Jiena” ta’ Mary Doris Chircop, “Tgħid Għalija..?” ta’ Miriam Ellul, “Malta fl-Ewropa” ta’ Charles Magro, “Milied 2003” ta’ Alfred Massa” u “Abbissi” ta’ Patrick Sammut. Dawn l-awturi huma kollha membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Emmanuel qara wkoll traduzzjoni tiegħu tal-poeżija “Malta” miktuba minn Paola Mara De Maestri. Kittieba mill-GLM ukoll qraw xogħlijiet tagħhom. Dawn kienu Dr Victor Sammut, Ray Anastasi, Marie Louise Anastasi, Paul Vella, Joe Camilleri, Dr Lou Drovenik, Michael Xuereb, Maria Catania, Laurie Armato, Rosemary Attard, Fredu Cachia u Manwel Cassar. Il-Konslu, is-Sur Charles Mifsud, qara poeżiji ta’ Rużar Briffa u Trevor Żahra.
L-attività kienet imżewqa bid-daqq fuq il-mandolina minn Laurie Armato kif ukoll b’xi kanzunetti Maltin. Armato, iben missier Sqalli u omm Maltija, ilu jgħix ġewwa l-Awstralja aktar minn erbgħin sena.
Minbarra l-qari ta’ xogħlijiet letterarji kien hemm diskorsi minn Dr Victor Sammut, li spjega l-għan tal-GLM, mis-Sur Charles Charles Mifsud, li tkellem dwar l-impatt tal-poezija f’żoghżitu, u Emmanuel Attard Cassar li tkellem dwar l-istorja tal-GħPM.
Lejn l-aħħar tal-laqgħa l-President tal-GLM, ippreżenta numru ta’ kotba u recordings fuq CDs lil E. Attard Cassar. Dan il-materjal kien jinkludi antoloġiji ta’ poeti Maltin Awstraljani, CD b’poeżiji minn Laurie Armato u recording tal-Lejla Mużiko-Letterarja li nżammet fiċ-Ċentru Malti f’Settembru li għadda, xogħol ta’ Paul Vella. F’isem l-GħPM imbagħad Attard Cassar ippreżenta kotba kif ukoll midalja li l-GħPM ħarġet f’għeluq l-għaxar snin mit-twaqqif tagħha lil Dr Victor Sammut, President tal-GLM. Il-kotba li ġew ippreżentati kienu antoloġiji tal-GħPM kif ukoll pubblikazzjonijiet ta’ dawn il-membri tal-GħPM: Alfred Massa, Charles Magro, Patrick Sammut u Paul Saliba. Ingħataw ukoll kotba ta’ Dr Mons Amante Buontempo (1920-2004), fundatur tal-GħPM.
Fl-aħħar tal-laqgħa ġew servuti rinfreskanti u ikel lil dawk preżenti. Ringrazzjament dovut imur ukoll għall-membri tal-GLM li ppreparaw u servew l-ikel u x-xorb. Grazzi jmur lil dawk li għenu b’xi mod jew ieħor biex din is-serata tkun suċċess, speċjalment lil Laurie Amato, is-Sur Gejtu Deguara u lill-Kunsill Malti tal-Victoria li pprovdew is-sala, kif ukoll lil Salvina Vella u Sam u Yvonne Caruana, li ħadu ħsieb jippreparaw l-ikel għal wara.
Saturday, August 14, 2010
LEJLA TA' POEŻIJA U MUŻIKA F'ĦAL TARXIEN
L-Għaqda Poeti Maltin u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien nhar il-Ġimgħa 13 ta' Awwissu 2010 organizzaw Lejla ta' Poeżija u Mużika fil-bitħa tad-Dar tal-Kejka f'Ħal Tarxien. L-attendenza kienet tajba ħafna. Ippreżenta Dr Joseph Axiaq, Ass. Segretarju tal-Għ.P.M.
Inqraw numru ta' poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż. Patrick Sammut, Viċi President tal-Għaqda intervista lil Peter A. Caruana, kittieb u poeta Tarxiniż u Membru Onorarju tal-Għ.P.M., filwaqt li Walter Micallef kellu f'idejh il-parti mużikali. Micallef kanta ħames għanjiet folkoloristi akkompanjat fuq il-kitarra.
Saru diskorsi kemm minn Alfred Massa, President tal-Għ.P.M. kif ukoll mill-Kav. Paul Farrugia, Sindku ta' Ħal Tarxien. Massa rrefera għas-sehem li Ħal Tarxien ta lill-arti Maltija, speċjalment lil-letteratura u semma awturi bħal Ġuże' Aquilina, Kilin, Ġuże' Chetcuti, Ninu Cremona, Ġuże' Cassar Pullicino, E.B. Vella, Mons. Prof. Carmelo Santa, Mons. Ġużeppi Schembri u Rafel Bonnici Cali' li kollha kellhom xi tiop ta' rabta ma' dan ir-raħal. Farrugia esprima l-intenzjoni tal-Kunsill li jibqa' jagħti importanza lill-attivitajiet bħal dawn.
Il-Lejla nfetħet b'minuta silenzju kemm minħabba l-mewt tal-President Emeritus, il-Prof. Guido DeMarco, kif ukoll minħabba l-vittmi Mostin li ftit qabel mietu fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar u ntemmet bil-kanta tal-Ave Maria mill-mezzo sopran, Miriam Camilleri.
Wara saret bibita għal dawk preżenti.
Wednesday, August 11, 2010
ĦATRA TA' MEMBRU ONORARJU
L-Għaqda Poeti Maltin ser taħtar uffiċjalment lil Lina Brockdorff bħala l-ewwel Membru Onorarju femminili tagħha. Iċ-Ċerimonja tal-ħatra se ssir nhar il-Ġimgħa, 3 ta' Settembru 2010 fis-Sala tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, Valletta. Il-ħin ikun fis-7.00 pm. Il-membri huma mħeġġin biex jattendu mal-familjari jew ma' ħbiebhom u jġibu magħhom xi poeżija biex jaqrawha waqt is-Serata.
Subscribe to:
Posts (Atom)