Pages

Wednesday, March 31, 2010

Agnus in Crucis Levatur


Nhar il-Ġimgħa, 12 ta' Marzu 2010, l-Għ.P.M. fetħet l-attivitajiet tagħha dwar il-Ġimgħa Mqaddsa billi erba' membri tagħha fuq stedina tal-Grupp Media u Kultura fis-Seminarju tal-Virtu' ħadu sehem f'Serata ta' Poeżija u Mużika bit-tema Agnus in Crucis Levatur. Il-poeti kienu Alfred Massa (President), Charles Magro (Segretarju), Patrick Sammut ( Viċi President) u Dr Emmanwel Attard Cassar (Segretarju Internazzjonali).Ħadu sehem ukoll Ryan Lee Pace u Abraham D'Amato fuq l-orgni u Tony Terribile li tkellem dwar il-Kurċifissi f'Malta.
Matul il-Ġimgħa Mqaddsa l-Għaqda Poeti Malti flimkien mal-Grupp Erba' Klarinetti organizzat żewġ Lejliet ta' Mużika Sagra u Poeżija Reliġjuża. It-Tlieta, 23 ta' Marzu 2010 fil-knisja parrokkjali tal-Fgura u t-Tlieta ta' wara fit-30 ta' Marzu 2010 fil-Kappella tal-Konservatorju, f'Bormla. Inqraw diversi poeżiji mill-membri tal-Għaqda. F'Bormla sar diskors mill-President li semma r-relevanza li teżisti bejn il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Poeżija. Fil-Ġimgħa Mqaddsa tajjeb li n-Nistrani jirrifletti dwar il-Messaġġ tal-Fidwa filwaqt li fil-poeżija hemm dejjem messaġġ utli għall-qarrej. Iż-żewġ Serati kienu mmexxija mis-Segretarju, Charles Magro u fihom ħadu sehem mal-20 membru.

Thursday, March 25, 2010

Il-Kelma tal-President - Word from the President - Marzu 2010

Dan hu l-ewwel Folju tal-Aħbarijiet għas-sena 2010. Sena ta' ċerta importanza għalina għax tfakkar il-35 anniversarju tat-twelid tal-Għaqda tagħna.

Bħalma jiġri f'okkażjonijiet simili bla ma jrid wieħed iħares lura u jinnota x'avvenimenti jkunu ħallew timbru speċjali warajhom. Ċertament, meta l-Għ.P.M. tagħmel dan għandha għax tħossha sodisfatta u kburija fl-istess ħin.

Saru diversi attivitajiet li ħallew impatt kbir fuq il-Poeżija Maltija kif ukoll fuq il-poeti tagħna. Dawn jinsabu mnaqqxin b'ittri tad-deheb fl-Istorja tal-Letteratura Maltija.

Imma mal-ħarsa lura rridu wkoll inħarsu madwarna biex nippjanaw il-futur. Hemm bżonn li l-membri jkunu aktar ħajjin u mhux ta' nofs kedda.

Inħossu dmir tiegħi li nsellem lil kulmin fl-imgħoddi ta sehmu biex l-Għ.P.M. waslet fejn tinsab illum; b'mod parikolari lill-fundatur, Mons. Dr. Amante Buontepo. Jalla l-futur ikun iwarrad daqskemm kien il-passat; anki jekk nafu li x-xewk ma jonqosx. Wara kollox, mhux kull warda fiha x-xewk!

ALFRED MASSA

Saturday, March 6, 2010

IMQASSMA B’XEJN POEŻIJI TAL-MEMBRI TAL-Għ.P.M


Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, f’Malta nżammet il-laqgħa tax-xitwa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-EuroBillTrackers. Għal din il-laqgħa pparteċipaw nies mill-Finlandja, Awstrija, Slovenja, Italja, Spanja, Ġermanja, Belġju, Malta u Olanda. L-Għaqda Poeti Maltin ikkontribwiet għal din il-laqgħa billi offriet bookmarks bil-poeżiji bl-Ingliż miktuba mill-membri tagħha biex jitqassmu b’xejn lil dawn il-parteċipanti biex b’hekk isiru midħla tal-poeżija kontemporanja Maltija. Dan l-avveniment kien sponsorjat in parti mill-M.T.A.